Il-Karmelitani

Il-Karmelitani

Saint Elias College huwa skola sekondarja tal-Knisja mmexxi mill-Patrijiet Karmelitani. Min huma l-Karmelitani?

Fi żmien il-Kruċjati fl-Art Imqaddsa, lejn l-aħħar tas-seklu 12 u l-bidu tas-seklu 13, xi eremiti, fuq l-eżempju tal-Profeta Elija, kienu jgħixu ħajja solitarja fil Wadi ’ain es Siah fuq l-Għolja tal-Karmel, ħdejn għajn, imsejħa l-Għajn ta’ Elija.

Hemmhekk, huma bnew kappella f’nofs iċ-ċelel tagħhom, li ddedikawha lill-Verġni Marija Omm Alla. B’hekk, huma kienu qegħdin jagħżluha bħala l-Patruna tagħhom. Il-familjarità li nħolqot bejn Marija u l-Karmelu wasslet biex hija tibda titqies bħala Omm u Oħt. Il-Labtu tal-Karmnu jiġbor fih b’mod simboliku r-relazzjoni bejn Marija u l-Ordni tagħhha. Huwa mezz li bih l-insara jissieħbu fl-ispiritwalità tal-Ordni.

Bejn l-1206 u l-1214, San Albert, Patrijarka ta’ Ġerusalemm li kien joqgħod f’Akri, ġabar lil dawn l-eremiti f’komunità waħda u kitbilhom għamla ta’ ħajja. Hekk twieled l-Ordni Karmelitan. Aktar tard, din l-għamla ta’ ħajja ġiet approvata bħala r-Regola tal-Ordni Karmelitan.

Ir-Regola Karmelitana tqiegħed bħala l-bażi ta’ kollox is-sejħa nisranija li ngħixu f’ubbidjenza lejn Ġesù Kristu u naqduh b’qalb safja u b’kuxjenza tajba. Il-Karmelitani dejjem qiesu l-kontemplazzjoni bħala l-qalba tas-sejħa tagħhom. Huma jimpenjaw irwieħhom biex ifittxu lil Alla u jgħixu f’relazzjoni intima miegħu u jingħaqdu miegħu, waqt li jħalluh jibdilhom dejjem aktar sa ma jieħdu s-sura ta’ Ġesù Kristu. Dan l-impenn jgħixuh mhux biss personalment, imma bħala komunità, filwaqt li jgħixu qrib in-nies u mogħtijin għas-servizz tagħhom.

Madwar is-sena 1238, il-Karmelitani bdew jemigraw lejn il-kontinent Ewropew, fejn fost l-oħrajn, marru Ċipru, Sqallija u l-Ingilterra, filwaqt li kellhom iħallu għal kollox l-ewwel kunvent tagħhom fuq il-Karmel.

F’Malta, il-Karmelitani ġew madwar is-sena 1418 u l-ewwel kunvent huwa dak tal-Lunzjata, fil-limiti tar-Rabat.