EkoSkola

Il-grupp tal-EkoSkola ghas-sena 2023.

Attivitajiet Varji mis-sena skolastika 2023.

Fil-Kulleġġ tagħna, l-ħidma tal-EkoSkola tingħata ħafna importanza u l-istudenti li ta’ kull sena jissieħbu f’dan il-grupp jiġu megħjuna u mħajra sabiex jagħtu l-impenn kollu tagħhom. Fil-fatt aħna kburin li din hi r-raba’ darba li l-Kulleġġ tagħna ngħata l-Bandiera l-Ħadra.

Il-ħidma tal-EkoSkola tinfirex f’ħafna oqsma, bl-għan ewlieni  li jibqa’ dejjem it-titjib tal-ambjent li jdawwarna, fil-Kulleġġ u lil hinn minnu. Ix-xogħol li  matul din is-sena kellu bżonn ħafna impenn kien il-ħolqien tal-ġnien tal-bejt li żżejjen bis-siġar taż-żebbuġ u b’funtani u dwal li jaħdmu bl-enerġija li ġejja mix-xemx.

Ħidma oħra tikkonsisti fl-edukazzjoni lill-istudenti biex jagħrfu aktar l-importanza li r-rimi tal-iskart isir bi ħsieb. L-istudenti jieħdu ħsieb ukoll li jiżirgħu u jindukraw siġar indiġeni Maltin li meta jikbru, jitħawlu f’postijiet pubbliċi.

Fi żmien il-Milied, l-istudenti jiżirgħu l-ġulbiena f’reċipjenti riċiklati. Dawn imbagħad jinbiegħu lill-ġenituri f’Jum il-Ġenituri. L-għan wara din l-attività hu li nrawmu fit-tfal uħud mit-tradizzjonijiet tagħna l-Maltin minbarra li nuruhom is-siwi li tirriċikla.

Matul is-sena norganizzaw ħafna attivitajiet bħal ngħidu aħna żjarat f’postijiet naturali bħall-Buskett minn fejn ġbarna ż-żerriegħa ta’ xi siġar u tgħallimna dwarhom; laqgħat ma’ nies kompitenti f’oqsma ambjentali; tagħlim dwar il-benefiċċji tal-pannelli solari u parteċipazzjoni fil-parlament tal-istudenti.

Il-grupp tal-EkoSkola ghas-sena 2020.
Grazzi tal-hidma taghkom!

Bil-għan li fost l-istudenti titqajjem kuxjenza dwar ir-rimi tal-iskart bil-ħsieb , waqt il-brejk ta’ nofsinhar ġiet organizzata attività fejn membri tal-grupp EkoSkola qagħdu fejn il-canteen tal-iskola biex setgħu juru lill-istudenti kif għandhom jagħmlu dan.

THE EARTH IS YOUR CANVAS.
ISN’T GREEN A LOVELY COLOUR?

Saint Elias EkoSkola Committee
13101140_10207684413181575_851222167_n

12789925_10205832626114069_2008908283_o

Sena Skolastika 2017 – 2018

Nhar l-4 ta’ Ottubru 2017, l-istudenti tal-grupp EkoSkola Saint Elias College, ingħaqdu ma’ studenti minn skejjel oħra u ħadu sehem fil-Young People’s Summit li sar fil-Forti Sant’ Anġlu. L-istudenti tal-Kulleġġ tagħna li ħadu sehem kienu… It-tema ta’ din is-sena kienet “Nieħdu Ħsieb l-Ibħra Tagħna”. Matul dan is-summit, l-istudenti kienu mistennija li jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jitħarsu l-ambjenti marittimi. Wara, ir-rakkomandazzjonijiet ingħaqdu f’dikjarazzjoni waħda u ntlaħaq qbil dwarha. Id-dikjarazzjoni ġiet ippreżentata lill-membri parlamentari.

Nhar l-Erbgha 22 ta’ Novembru, żewġ studenti mill-Ekoskola, Ilenio Liberato Borg u Jerome Farrugia ħadu sehem f’attività li saret ġewwa Għajn Water Conservation Centre ir-Rabat. Permezz ta’ dan il-proġett, Saint Elias College se jingħaqad ma’ skejjel oħra madwar id-dinja biex permezz ta’ website jaqsam mal-oħrajn l-attivitajiet li jsiru biex l-ilma jerġa’ jintuża. Jistgħu jingħataw xi punti u jintrebħu xi premjijiet.

Sena Skolastika 2015 – 2016

St Elias College, ilu għal dawn l-aħħar tliet snin jieħu sehem fil-programmi tal-EkoSkola. Bħalissa l-kumitat hu magħmul minn 27 student u żewġ membri mill-istaff li jikkoordinaw il-ħidma li ssir. Dawn l-istudenti u l-għalliema jiltaqgħu kull nhar ta’ Ġimgħa fil-brejk ta’ nofsinhar. Fil-bidu ta’ kull sena skolastika jintlaqgħu applikazzjonijiet minn studenti li jkunu jixtiequ jingħaqdu ma’ dan il-grupp. Kif il-grupp jiġi ffurmat, issir elezzjoni fost il-membri biex jinħatru l-president u l-viċi, is-segretarju u l-viċi u l-PRO. L-għan ta’ dan il-grupp hu biex l-istudenti sa minn ċkunithom jidraw jirrispettaw il-ħolqien u l-ambjent li jdawwarna filwaqt li jagħtu sehemhom u jħabirku lejn it-twettiq ta’ żvilupp sostenibbli f’Malta u lil hinn. Dan kollu jiġi integrat kemm jista’ jkun mal-kurrikulu tal-istudenti biex b’hekk jitwaħħad mal-edukazzjoni formali wkoll sabiex dak li jitgħallmu, jidraw iqegħduh fil-prattika.

F’Saint Elias College, il-ħidma tal-Kumitat tal-EkoSkola qed tiffoka l-aktar fuq il-maniġġjar tal-iskart. Dan sar minħabba li nħass li ma kienx hemm biżżejjed għarfien fost l-istudenti dwar kif għandhom jarmu l-iskart tagħhom bil-għaqal u mingħajr ma joħolqu problemi ambjentali. Għal dan il-għan inħoloq pjan ta’ azzjoni sabiex din il-problema tittaffa. Il-ħidma tal-grupp infirxet ukoll ‘il hinn mill-Kulleġġ. Dan minħabba li kull meta jkun possibbli, l-istudenti jwasslu l-messaġġi u l-appelli tagħhom lill-ġenituri waqt ġranet speċjali bħal ngħidu aħna f’Jum il-Ġenituri.

Il-ħidma ta’ dawn l-istudenti qiegħda tħalli l-frott mixtieq. Dan minħabba l-fatt li jidher biċ-ċar li ddaħħlet aktar kuxjenza dwar ir-rimi tal-iskart, bi ħsieb. Aktar studenti qed jitħajru jidħlu f’dan il-grupp, jaqsmu l-ideat tagħhom ma’ sħabhom u jwettqu ħidma fejjieda. Il-fatt li l-istudenti jitgħallmu jaħdmu flimkien jgħinhom biex jgħollu l-istima personali tagħhom u ta’ sħabhom. L-entużjażmu favur l-ambjent qiegħed kulma jmur jiżdied. Dan kollu jawgura sabiex fil-ġejjieni jkollna ġenerazzjoni li bil-fatti tagħti aktar importanza lill-ambjent ta’ madwarna.

Avveniment importanti li seħħ dan l-aħħar kien li l-Kulleġġ deherlu li l-ħidma li qed issir mill-istudenti jixirqilha li tingħata rikonoxximent. Għaldaqstant, din is-sena l-Kumitat tal-EkoSkola applika għall-Green Flag. Din hi ċertifikazzjoni internazzjonali li turi li jkunu ntlaħqu kriterji stabbiliti fil-ħarsien u t-twettiq tal-iżvilupp sostenibbli.

Il-Kumitat tal-EkoSkola għas-sena skolastika 2015 – 2016 huwa ffurmat minn:

Ilenio Borg; Jerome Farrugia (P.R.O); Aaron Mifsud; Yan Cesare; Dejan DeBrincat; Kyle Grech (Vici Segretarju); Leon Muscat; Xander Muscat; Jake Saliba; Nicolo Tanti; Anthony Leon Vella; Danil Vorobiev (Segretarju); Julian Xuereb; Andre Azzopardi; Jean Paul Abela; Miguel Abela; Keith Calleja; Matthew Mifsud; Damian Navarro; John Attard; Yan Camilleri; Bradley Debono (President); Matthew Amaira; Owen Camilleri; Daniel Busuttil; Nicholl Bugeja (Vici President); Luke Pio Spiteri

Koordinaturi:

Is-Sinjorina Dorianne Brincat u s-Sur Nunzio Schembri

It-tnax-il edizzjoni tal-Parlament bis-sehem tal-EkoSkola fejn tressqet mozzjoni favur passi biex titrażżan it-tibdil fil-klima.

It-tnax-il edizzjoni tal-Parlament bis-sehem tal-EkoSkola fejn tressqet mozzjoni favur passi biex titrażżan it-tibdil fil-klima.

Wara ħidma twila u impenjattiva fil-programm EkoSkola, Saint Elias College ġie ppremjat għall-ewwel darba bil-Bandiera l-Ħadra (Green Flag). L-EkoSkola huwa programm internazzjonali li hu mmexxi mill-Foundation for Environmental Education. L-għan ewlieni ta’ dal-programm hu li l-istudenti sa minn ċkunithom jitgħallmu jagħtu sehemhom fid-deċiżjonijiet li jolqtu ‘l-ambjent ta’ madwarhom. L-iskejjel li jilħqu livell għoli f’dan il-qasam, jiġu ppremjati bil-Bandiera l-Ħadra. Illum, bi pjaċir nistgħu ngħidu li l-Kulleġġ tagħna laħaq dan il-livell.

Aħbarijiet mill-grupp tal-EkoSkola ta’ Saint Elias College

                  • Il-grupp tal-EkoSkola ta’ Saint Elias College għas-sena 2016/2017 hu magħmul minn:

                    • F’Novembru li għadda saret l-elezzjoni fost il-membri tal-grupp tal-EkoSkola ta’ Saint Elias College u dan huwa l-kumitat il-ġdid u l-lista tal-ħatriet rispettivi: President-Keith Calleja, Viċi President-Jerome Farrugia, Segretarju-Luke Vella Gera, Viċi Segretarju-Bradley Debono, PRO-Yan Cesare.

                  • Proġett ġdid li ser jitnieda din is-sena f’Saint Elias College hu l-ħolqien ta’ Ġnien tal-Bejt (Roof Garden). Dan ser ikun mgħammar b’għamara tal-ġonna, magħmula minn materjal riċiklat. Hemm il-ħsieb ukoll li jitħawlu siġar indiġeni Maltin, ħwawar u xtieli dekorattivi fost l-oħrajn. Għal dan il-proġett ser jiġi utilizzat spazju fuq il-bejt tal-Kulleġġ. L-għan hu li jinħoloq spazju fejn l-istudenti jkunu jistgħu jistrieħu waqt il-ħin tal-mistrieħ. Dan il-Ġnien tal-Bejt ser ikun ukoll jista’ jintuża waqt xi lezzjonijiet partikolari għal tagħlim b’differenza lill-istudenti tagħna. Ħejjejna l-applikazzjoni għall-HSBC Catch The Drop Fund  bil-għan li niksbu fondi sabiex jittella’ u jinħażen l-ilma mill-ġiebja ta’ taħt il-bitħa tal-iskola sa fuq il-bejt. Dan l-ilma ser jintuża għat-tisqija tal-ġnien. Bi pjaċir inħabbru li l-fondi mill-HSBC Catch The Drop Fund ġew approvati.
                    Intalbu pariri mingħand il-Lifemedgreenroof Project tal-Università ta’ Malta sabiex dan il-proġett iseħħ bl-aħjar mod possibbli għat-tgawdija ta’ kulħadd. Membri tal-istaff u studenti qed jiġu mistiedna biex jagħtu s-suġġerimenti u l-għajnuna tagħhom biex dan il-proġett iseħħ mingħajr dewmien. Is-Sur Fabio Borg għandu l-iddisinjar tal-ġnien f’idejh.
                  • Waqt il-lezzjonijiet tal-Kompjuter u tal-Graphical Communication, qed jitħejjew id-disinji għall-għamara tal-ġnien. Fil-lezzjonijiet tal-Graphical Communication, l-istudenti ppreparaw id-disinji tal-bankijiet li wara se jiġu mgħoddija lill-istudenti tal-Kompjuter biex jiżviluppawhom f’format 3D. Dan kollu qed isir bil-għan li kemm jista’ jkun jiġu involuti firxa akbar ta’ studenti u għalliema.

                      • Għat-tieni sena konsekuttiva saret attività ta’ żrigħ tal-ġulbiena mill-istudenti tal-grupp tal-EkoSkola ta’ Saint Elias College biex din tinbiegħ nhar Jum il-Ġenituri. Peress li l-ewwel ma tiekol l-għajn, din id-darba l-fliexken riċiklati li fihom inżergħet il-ġulbiena żżejnu b’karti u materjal ieħor riċiklat. Ir-riżultat kien wieħed tajjeb ħafna. Waqt din l-attività, inġabret is-somma sabiħa ta’ mitt ewro li ġiet ippreżentata lir-Rettur waqt l-Assembly ta’ filgħodu.

  • Tliet studenti tal-EkoSkola: Keith Calleja, Luke Vella Gera u Julian Xuereb, ħadu sehem fi kwiżż bl-isem ta’ Ecoteenz. F’dan il-kwizz, l-istudenti ġew mistoqsija dwar l-iżvilupp sostenibbli. Bi pjaċir inħabbru li t-tim ta’ tliet studenti li rrappreżenta l-iskola ġie fit-tieni post. Ingħataw premjijiet sbieħ fosthom smart bracelets, biljetti għall-Esplora kif ukoll 200 ewro għall-iskola li jistgħu jissarrfu fi spejjeż għal proġetti prospettivi. Dawn il-flus huma ġentilment mogħtija mill-HSBC Catch the Drop Campaign. Nirringrazzjaw lil kulħadd tas-sapport tiegħu. Ħajr speċjali jmur lill-istudenti nfushom għall-impenn attiv tagħhom. Dan il-programm bl-isem ta’ Ecoteenz ukoll ser jibda jixxandar fuq l-Istazzjon Nazzjonali, TVM mill-ewwel ġimgħa ta’ April, kull nhar ta’ Ġimgħa fl-16:20.
  • Kwiżż ieħor bl-isem ta’ Go With The Flow organizzat ukoll mill-HSBC Catch The Drop Campaign ġie organizzat f’Marzu. L-istudenti tagħna ħadu sehem l-ewwel darba f’dan il-kwiżż u bi pjaċir inħabbru li ġejna fir-raba’ post. L-istudenti li ħadu sehem, li kienu Jerome Farrugia, Yan Cesare, Sebastiano Lagrasta, Samuel Sammut u Matthew Tonna, ingħataw ċertifikat.