Il-Profeta Elija

Il-Profeta Elija – Il-Patrun tal-Kulleġġ

Il-Profeta Elija kien jgħix fis-seklu disgħa qabel Kristu fuq l-Għolja tal-Karmelu.

Huwa l-profeta li għex fil-preżenza ta’ Alla, iġġieled għall-qima ta’ Alla l-veru f’Israel, u waqaf lis-Sultan ta’ żmienu u qabeż għal min kien ibati l-vjolenza u l-inġustizzja. Ir-rakkonti tal-Profeta Elija nsibuhom fl-Ewwel Ktieb tas-Slaten, kapitli 17-19 u 21, fit-Tieni Ktieb tas-Slaten kapitli 1-2 u fit-Tieni Ktieb tal-Kronaki, kapitlu 21 versi 12-15. Eloġju lill-Profeta Elija nsibuh fil-Ktieb ta’ Bin Sirak, Kapitlu 48 versi 1-11. Il-wegħda tar-ritorn tiegħu nsibuha fil-Ktieb tal-Profeta Malakija, Kapitlu 3 vers 23.

Fit-Testment il-Ġdid insibu ħafna referenzi għall-Profeta Elija. Ġwanni l-Battista huwa mimli bl-ispirtu u bil-qawwa ta’ Elija. Fit-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù, Elija jidher ma’ Mosè u jirrappreżenta l-profeti kollha tat-Testment il-Qadim.

Il-Profeta Elija huwa meqjum fit-tliet reliġjonijiet kbar tad-dinja: il-Ġudaiżmu, il-Kristjaneżmu u l-Islam.

Meta l ewlenin Karmelitani nġabru flimkien sabiex jgħixu ħajja ta’ talb f’ubbidjenza lejn Ġesù Kristu, huma għażlu li jibdew joqogħdu ħdejn l-għajn ta’ Elija f’wieħed mill-widien fl-Għolja tal-Karmel fl-Art Imqaddsa. L-Għoljiet tal-Karmel kienu diġà magħrufin bħala l-post li fih kien joqgħod il-Profeta madwar 800 sena qabel Kristu. Fuq din l-istess għolja, il-Profeta Elija wera min hu Alla l-ħaj u veru.

Il-kliem tal-Profeta Elija: “Għandi qalbi tħeġġeġ għall-aħħar għall-Mulej, Alla tal-eżerċti”, il-Karmelitani għamluh tagħhom. Fil-Profeta, huma raw lill-bniedem li l-Kelma ta’ Alla kienet tgħammar fil-moħħ u fil-qalb tiegħu, u li kien joqgħod kontinwament fil-preżenza ta’ Alla.

Bħall-Profeta, il-Karmelitani jgħixu qalb il-poplu ta’ Alla u jgħinuh sabiex jgħix b’fedeltà l-imħabba tiegħu lejn Alla, u fl-istess ħin, bħalma huwa ġġieled kontra l-inġustizzji soċjali, bħalu jkunu profeti ta’ ġustizzja u ta’ paċi f’nofs poplu li jbati.

Il-Karmelitani ta’ kull żmien ħarsu lejn il-Profeta bħala l Missier Spiritwali tagħhom għaliex huma jħaddnu l-istess valuri li kien iħaddan hu.

OLYMPUS DIGITAL CAMERA